“Attentat iddisprat tal-Ministeru biex iwaqqafna” – unjin tal-għalliema

Il-Kap Eżekuttiv tal-Unjin, Graham Sansone sostna li laqgħa li saret dalgħodu mad-Dipartiment tal-Impjiegi (DIER) ma bidlitilhomx fehmithom dwar id-direttivi li għandhom fis-seħħ fil-konfront tal-għalliema. Sansone rrimarka li l-laqgħa kienet biss attentat iddisprat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jitwaqqfu d-direttivi ordnati mill-Unjin.

Fl-aħħar jiem, l-Unjin struzzjonat lill-għalliema li qed isofru minn xi “inġustizzja” biex ma jattendux laqgħat relatati mas-suġġetti tagħhom u ma jaċċettawx postijiet speċjali bħal dmirijiet ta’ Form Teachers. Hija kienet ħarġet direttiva ukoll biex l-għalliema ma jibgħatux xogħolhom biex jiġi stampat fl-Istamperija tal-Gvern.

L-Unjin sostniet li dawn id-direttivi ħarġithom wara li għal żmien twil talbet sabiex isiru laqgħat mal-Gvern li ħafna minnhom waqgħu fuq widnejn torox. Semmiet kif il-laqgħa li rnexxielhom jattendu għaliha mal-Ministeru għall-Edukazzjoni falliet milli tasal għal soluzzjonijiet benefiċċjarji.

“L-Unjin tagħna rikonoxxuta legalment”

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) irrimarkat li minkejja li mhix l-unika unjin li tipproteġi lill-għalliema, hija legalment rikonoxxuta u għaldaqstant għandha kull dritt li toħroġ direttivi lill-membri tagħha u membri prospettivi oħrajn.

Dan qalitu fi stqarrija risposta għall-Gvern li lbieraħ qal li l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali qed tikser artiklu numru 5 tar-Regolazzjonijiet tal-2016 għax ħarġet direttivi ta’ natura kollettiva. Artiklu numru 5 jgħid li l-ebda unjoni oħra ma tista’ tintervjeni fuq affarijiet relatati mal-ħaddiem, ladarba hemm Unjin diġà rikonoxxuta bħala l-Unjin li tieħu ħsieb il-grupp ta’ ħaddiema ikkonċernati.