Attent: Tikkunsmax dan il-prodott

Jekk xtrajt il-prodott Organic Cold milled flaxseed, sunflower, pumpkin & sesame seeds & goji berries tad-ditta Linwoods tikkunsmahx, minħabba l-possibiltà ta’ kontaminazzjoni b’pestiċida (Ethlyene oxide).

F’avviż, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qal li l-prodott affettwat jiżen 425g u data ta’ skadenza 21 ta’ Awwissu 2021.

F’dawn l-aħħar ġimgħat instab li l-kimika ethylene oxide setgħet kienet qed tintuża biex tikkontrolla xi mikrobi fil-ġunġlien esportat mill-Indja. Madankollu, id-Direttorat sostna li l-użu ta’ ethylene oxide mhux approvat.

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq in-numru tat-telefon 2133 7333 mit-8am sas-2.30pm jew jibgħat imejl fuq mhi@gov.mt.