Attent: Speed camera ġdida fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar

Dawk li minn issa 'l quddiem se jgħaddu mill-bypass ta' San Pawl il-Baħar jaqblilhom joqgħodu attenti kif isuqu għax ftit tas-sigħat ilu twaħħlet speed camera ġdida.
Sa issa għadhom ma twaħħlux is-sinjali li jindikaw b'kemm se tkun il-veloċità massima f'din it-triq. 
Minn stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jirriżulta li tmienja minn kull għaxar Maltin jaqblu mal-ispeed cameras.
Minkejja għadha lanqas bdiet tagħti l-multi, il-kamera l-ġdida f'San Pawl il-Baħar diġà qajmet kontroversja fuq il-midja soċjali. Hemm min hu tal-opinjoni li f’żoni mhux residenzjali m’għandux ikun hemm dawn il-kameras.
F’Mejju li għadda, l-ispeed cameras diġà installati bdew jinbiddlu għal dawk f'aktar moderni.  Il-kameras il-ġodda li qed jitwaħħlu huma aktar sensittivi u se ikunu jistgħu jirreġistraw il-veloċità tal-vettura iktar mill-bogħod.  
Minn rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rriżulta li l-ogħla veloċità li nqabżet u li ġiet irrekordjata mill-kameras f’dawn l-aħħar sitt xhur kienet ta’ 191.5km fis-siegħa minn kamera fil-Gudja. 
F'Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi kien qal li għandu jsir studju biex ikunu installati seba' kameras oħra madwar Malta u Għawdex.  Dawn suppost kellhom isiru fin-Naxxar, f'Birżebbuġa, f'Ħaż-Żabbar, fiż-Żejtun, fil-Furjana, fir-Rabat Għawdex u f'Għajnsielem.