Attent: se jingħalqu xi toroq minħabba prova ta’ ġarr ta’ travi

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=MCjNBB4cpK0]

Illejla se tiġi ppruvata r-rotta li se jieħdu t-trejlers li fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed iġorru t-travi li se jintużaw fil-bini tal-flyover tal-Kappara.

Transport Malta (TM) qalet li wieħed mit-trejlers se jitlaq mill-Marsa fl-10pm illejla. It-trejler se jgħaddi  minn Triq il-Labour, Triq Aldo Moro, mill-bypass tal-Marsa l-Ħamrun, Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli. 
It-trejler se jkun qed isuq fuq il-lemin tat-triq, minħabba li hu eħfef biex is-sewwieq jimmanuvra l-vettura, meta tqis li se jkun qed iġorr travi tal-ħadid b’uħud minnhom twal 30 metru.
Partijiet minn dawn it-toroq, għalhekk, se jkunu magħluqa, u TM avżat lis-sewwieqa sabiex isibu toroq alternattivi. Għal dan il-għan, se jkun hemm pulizija u uffiċjali ta’ TM li jiggwidaw lit-traffiku.
It-trejler mistenni jieħu tliet sigħat biex ilesti l-vjaġġ.
Sadanittant, jekk il-proċedura tirnexxi, din se tkun ir-rotta li jieħdu t-trejlers ladarba jaslu t-travi. Kull trejler iġorr minn travu sa tnejn kull lejl, sakemm it-tmint itravi jaslu kollha l-Kappara.
It-tmint itravi nħadmu minn kumpanija fi Spanja, u mistennija jaslu Malta bil-baħar fil-jiem li ġejjin.
Ritratti: It-travi qed jinħadmu fi Spanja, imbagħad il-mappa tar-rotta li se jieħu t-trejler illejla