Attent minn din il-kumpanija tal-bitcoin

L-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur qiegħda twissi dwar kumpanija tal-bitcoin li mhijiex tonora d-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Fi stqarrija, l-Awtorità spjegat li Dario Azzopardi, f’isem 3 Group, kien xtara magna li tagħmel il-bitcoins li jistgħu jissarrfu fi flus. Il-magna kienet tagħmel ħafna storbju hi u taħdem u kienet taħli ħafna dawl, tant li minħabba l-kont għoli tad-dawl ma kienx jagħmel sens li titħaddem il-magna. Il-konsumatur talab rifużjoni ta’ €2,600 mill-kummerċjant, liema somma tirrappreżenta l-prezz li ħallas għall-magna.

It-Tribunal irrimarka li Azzopardi ma deherx għas-seduta minkejja li kien ġie notifikat bl-Avviż tat-Talba, id-data u l-ħin tas-smigħ. Huwa lanqas ma ssottometta risposta bil-miktub għal din it-talba. Dan kien ifisser għat-Tribunal li ma kienx qed jikkontesta t-talba.

It-Tribunal ordna lis-Sur Azzopardi jħallas lill-konsumatur l-ammont ta’ €2,000 u ladarba jsir il-ħlas, il-magna ssir proprjetà tal-kummerċjant.