Attent minn din il-kumpanija qarrieqa

Kumpanija bl-isem ta’ Northway Brokers li għandha wkoll preżenza fuq l-internet mhijiex kumpanija rreġistrata Malta u lanqas għandha l-awtorizzazzjoni li topera u tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta.

Fi stqarrija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qalet li ġiet infurmata b’entità li qiegħda topera bl-isem ta’ Northway Brokers. L-Awtorità spjegat li din l-entità qed tagħmel użu mhux awtorizzat minn isem simili u referenza għall-indirizz tal-uffiċċju ewlieni tal-kumpanija

Il-kumpanija finanzjarja Northway Broker Ltd kienet ċediet voluntarjament il-liċenzja ta’ Istituzzjoni reġistrata Malta, f’lulju 2014. L-MFSA spjegat li Northway Brokers mhijiex kumpanija repistrata Malta u lanqas m’għandha l-awtorizzazzjoni biex tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta. Żiedet li l-kumpanija Northway Brokers Ltd ma għandha l-ebda rabta ma’ Nortway Broker Ltd. Hija appellat lill-pubbliku biex ma jidħol fl-ebda negozju jew tranżazzjonijiet ma’ din l-entità qarrieqa. L-awtorità qalet li s-sit elettroniku huwa clone ta’ dak oriġinali.

L-MFSA appellat lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex ma jidħlu fl-ebda tranżazzjoni ta’ servizzi finanzjarji qabel ikunu aċċertaw li l-entità hija awtorizzata li tipprovdi dawn is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba.

Wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-MFSA biex jara l-lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-Awtorità.

Għal aktar informazzjoni dwar kumpaniji clone wieħed jista’ jaċċessa l-linji gwida dwar l-iscams maħruġa mill-MFSA.