Attent minn dawn is-sitt kumpaniji

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ħarġet twissija dwar sitt kumpaniji li mhumiex liċenzjati minnha biex jagħtu servizz kemm f’Malta kif ukoll barra. Il-Kumpaniji huma LionsRing Trading Ltd, Draconis Investment Limited, żewġ kumpaniji reġistrati Malta li joperaw taħt l-ismijiet ta’ Treos Ltd (C88614) u Treos Malta Ltd (C88395), Tradezone247, Bitmarket u Winsie jew Winsie Global.

L-MFSA qalet li l-kumpaniji LionsRong Trading Ltd u Draconis li għandhom preżenża fuq l-internet permezz tas-siti: https://lionsring.co/ u https://draconisinvestment.com mhumiex liċenzjati jew awtorizzati minnha biex jipprovdu servizzi ta’ investiment jew servizzi finanzjarji oħra, li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunke mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija. L-Awtorità appellat lill-pubbliku biex ma jidħol fl-ebda ftehim kummerċjali jew tranżazzjonijiet mal-entitajiet imsemmija.

Rigward il-kumpaniji Treos l-MFSA qalet li fuq is-siti Treos tiddikjara li hija liċenzjata mill-MFSA biex toffri servizz. Madankollu l-Awtorità qalet li Treos mhix kumpanija liċenzjata jew b’xi mod ieħor awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi servizzi ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija.

Il-kumpanija Tradezone247 għandha preżenza online permezz tas-sit https://tradezone247.com/index.php, il-kumpanija Bitmarket hija aċċessibbli permezz tas-sit http://www.bitmarket.com/ li bħalissa jinsab offline filwaqt li l-kumpanija fl-isem ta’ Winsie jew Winsie Global hija aċċessibbli mis-sit http://www.winsie.com/. L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qalet li l-ebda minn dawn il-kumpaniji m’huma liċenzjati biex joffru servizz ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija. L-Awtorità għandha informazzjoni li l-kumpaniji huma  skemi dubjużi b’riskju kbir ta’ telf ta’ flus. Għalhekk il-pubbliku ma għandux jidħol f’kummerċ jew jagħmel tranżazzjonijiet ma’ dawn l-entitajiet.

L-MFSA appellat biex il-konsumaturi ma jidħlu fl-ebda tranżazzjonijiet ta’ servizzi finanzjarji qabel ma jkunu ċerti li l-entità li magħha qed issir it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba. Żiedet li l-investituri għandhom ukoll jaġixxu b’kawtela massima meta jsirulhom offerti ta’ servizzi finanzjarji b’metodi mhux konvenzjonali bħal telefonati jew permezz tal-midja soċjali.

Wieħed jista’ jżur is-sit tal-MFSA sabiex ikollu l-lista ta’ entitajiet liċenzjati minnha fuq http://www.mfsa.com.mt/pages/licenceholders.aspx.

Kull min huwa vittma ta’ qerq jew xi tip ieħor ta’ ingann finanzjarju, jew jaħseb li jista’ tkun qed jittratta ma’ entità mhux awtorizzata, għandu jwaqqaf it-tranżazzjonijiet kollha mal-kumpanija u jikkuntattja lill-Awtorità fuq  https://www.mfsa.mt/about-us/contact/ hekk kif ikun hemm suspett.