Attent min qed iċempillek

Il-Pulizija qed tavża biex wieħed joqgħod attent minn telefonati li fihom qed jiġu mitluba dettalji personali, bħall-kontijiet bankarji u dettalji oħra.
Dan hekk kif għadd ta’ persuni qed jirċievu telefonati fejn jgħidulhom li saru tranżazzjonijiet bankarji mhux awtorizzati minn barra l-pajjiż.
Il-Pulizija qalet li dawn it-telefonati huma kollha fittizji, intenzjonati biss biex jinsterqu dettalji personali tal-individwi.
Spjegaw li dawn it-telefonati, għalkemm jidhru li jistgħu jkunu ġejjin minn numri Maltin, huma qarrieqa, u ġejjin minn pajjiżi barranin, fejn hu ferm diffiċli li wieħed jintraċċa min hemm wara dawn it-telefonati.
Saħqet li la l-banek u l-ebda istitut finanzjarju ieħor mhu se jitlob dettalji personali fuq it-telefon u għalhekk il-pubbliku m’għandu jagħti qatt dawn it-tip ta’ dettalji.
Temmet tgħid li f’dawn il-każijiet, il-publiku għandu juża l-kawtela kollha u fejn ikollu dubju jagħmel kuntatt personalment mal-banek, sabiex jivverifika li l-kontijiet personali, huma kollha kif suppost.