Attent meta toħroġ l-iskart quddiem il-bieb

WasteServ Malta Ltd ħarġet avviż fejn qalet li ħġieġ imħallat ma’ materjali oħra bħal boroż tal-plastik, kaxxi tal-kartun u oġġetti oħra tal-iskart mhux ser jibqu jiġu aċċettati mill-1 ta’ Settembru li ġej.

Fi stqarrija konġunta bejn WaseServ Malta Ltd, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, l-GreenMT u l-Koperattiva GreenPak, intqal li residenti huma għalhekk imħeġġa joħorġu l-ħġieġ f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal ma huma l-bins li diġà tqassmu mill-WasteServ f’ kull dar jew kwalunkwe kontenitur ieħor li jistgħu jerġgħu jintużaw b’ mod permanenti.

Ir-residenti qed jiġu mfakkra li jistgħu wkoll jużaw id-diversi Bring-in-Sites, wieħed mill-mitejn iBiN (www.ibins.mt) tal-ħġieġ jew imorru f’wieħed mis-sitt faċilitajiet għall-Iskart Goff madwar Malta u Għawdex sabiex jiddisponu min dan il-ħġieġ.

Residenti li jgħixu f’appartamenti huma mħeġġa jikkunsidraw li jkollhom sistema komuni għall- appartamenti tagħhom.

Dawn il-miżuri li qed jiddaħlu mill-ewwel ta’ Settembru qed isiru biex l-isforzi li qed jagħmel il-pubbliku sabiex jaħsel u jissepara l-ħġieġ ma jiġux imminati waqt il-ġbir permezz ta’ taħlit tal-ħġieġ ma’ materjali oħra, bħal kartun u plastik.

Dawk ir-residenti li għadhom ma ġabrux is-sett ta’ bins mqassma mill-WasteServ għadhom fiċ-ċans li jagħmlu dan billi jċemplu fuq 8007 2200.