Attent li ma timradx minħabba l-annimal tiegħek

Għalkemm ħafna minna nrabbu jew ġieli konna f’postijiet fejn jinżammu l-annimali, hemm bżonn li nieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex kemm jista’ jkun wieħed ma jittiħidx mill-mard tal-annimali.
Ta’ kull sena, fis-6 ta’ Lulju tiġi mfakkra l-ġurnata dwar l-għarfien taz-Zoonosis. Zoonosis hija it-trasmissjoni ta’ mard li jittieħed mill-annimali għall-bnedmin.
Dan il-mard jaffetwa lin-nies li ma jieħdux l-prekawzjonijiet neċessarji meta jkunu fil-preżenza ta’ annimali, kemm domestiċi u anki annimali tat-triq. L-aktar mard popolari li ġie trasmess b’dan il-mod huma l-mad cow disease u l-HIV. Meta kelb marid bir-rabies jigdem lil xi ħadd, dan ukoll iwassal għall-mard serju fil-bniedem.  
Fost il-prekawzjonijiet li għandhom jittiedu biex jiġu evitati mard ta’ dan it-tip, hemm il-ħasil tal-idejn b’mod frekwenti, jiġi evitat il-kuntatt dirett ma’ ċerti annimali, issir superviżjoni fuq it-tfal biex ma jdaħħlux idejhom f’ħalqhom wara li jkunu missew xi annimal u jiġu wżati prodotti li bihom ibegħdu l-insetti.
Hu mifhum li mhux anqas minn 50,000 persuna minn madwar id-dinja tilfu ħajjithom minħabba l-mard taz-zoonosis. Għalkemm din mhux il-kawża tal-maġġoranza tal-imwiet, madanakollu l-imwiet ta’ nies b’din il-marda irduppjaw bejn l-2000 u l-2005. Huwa mifhum li l-aktar nies li jinsabu f’riskju ta’ dan it-tip ta’ mard huma tfal taħt il-ħames snin, nisa li qed jistennew tarbija u nies li għandhom sistemi immuni baxx.