Attent: Kumpanija tal-ivvjaġġar tqarraq bil-klijenti

Il-liċenzja tal-kumpanija tal-ivvjaġġar A.P.C. Travel Bureau Limited ġiet irtirata mis-suq, wara li din aċċettat il-flus minn qabel għal numru ta’ bukings, li mbagħad ma kkonfermathomx.

B’konsegwenza ta’ dan, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet Avviż ta’ Infurzar fil-bidu ta’ Awwissu li jikkundizzjona lill-kumpanija, li għandha l-uffiċċju tagħha fir-Rabat, biex ma tiħux bukings.

Dan ħabbru d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur wara li rċieva numru ta’ lmenti li din il-kumpanija ħadet numru ta’ bukings li tħallsu minn qabel, iżda ma kkonfermathomx, minkejja li wegħdiet li se ssolvi s-sitwazzjoni.

Id-Direttur ħabbar li se jkun qed jikkunsidra li jiħux azzjoni kontra l-kumpanija fl-Att għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Kull ilmenti jew xi mistoqsijiet rigward din il-kumpanija għandhom jiġu indirizzati lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fuq info@mccaa.org.mt, fuq 8007 4400 jew fuq 23952000. Wieħed jista’ wkoll jirreġistra l-ilment onlajn fuq https://mccaa.org.mt/home/complaint jew iżur l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Mizzi House, National Road, Blata l-Bajda bejn it-8.00am u n-12.30pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa.