ATTENT: Konsegwenzi meta xxerred aħbar skaduta

Ħafna ġieli jinqabdu fin-nasba li aħbar li jaraw fuq il-mezzi soċjali jeħduha bħala fatt, ma jiftħux il-ħolqa u jkompluha jxerrduha. Ħafna drabi tkun xi aħbar antika li tibda terġa’ ddur fuq pjattaforma daqstant wiesgħa.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm saħaq li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali saru mezz qawwi ta’ kif f’qasir żmien, messaġġ jasal għand eluf kbar ta’ nies. 
Sostna li għaldaqstant wieħed irid ikun ferm iktar konxju ta’ dak li jitfa’ u jxerred. Spjega li meta tixxerred aħbar li ma tkunx korretta, jew tkun skaduta, din toħloq allarm bla bżonn. 
Is-Servizz kompla jgħid li dan iħawwad ħafna nies, joħloq inkonvenjent għal terzi persuni, u fil-każ tal-għoti tad-demm dan jaffettwa l-kreddibbiltà tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.
Għaldaqstant is-Servizz qed japppella lill-pubbliku biex ikun ħafna iktar kawt meta jagħżel li jxerred messaġġi relatati mal-għoti tad-demm, partikularment jekk dawn il-messaġġi ma jkunux ħarġu uffiċjalment minnu.  
Sadanittant is-Servizz jappella għal ħafna iktar donazzjonijiet tad-demm li fil-jiem li ġejjin jistgħu jsiru:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa kuljum mit-8am sas-6pm
  • fil-Mobile Unit li għada se jkun fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja parrokkjali tal-Qrendi, bejn it-8.30am u s-1pm
  • Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta li ġej, bejn is-1pm u l-5pm.