Attent jekk xtrajt din l-imgħarfa mill-internet

Il-pubbliku qed jiġi avżat biex ma jużax l-imgħarfa tad-ditta Fiskars minħabba kimiċi li jistgħu jkunu perikolużi.

Fi stqarrija d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali qal li l-prodott m’għandux jintuża għaliex irriżulta li l-migrazzjoni ta’ Primary Aromatic Amines hija iktar mil-livelli aċċettabbli. Mill-informazzjoni li rċivew l-awtoritajiet, dan il-prodott inxtara minn klijenti Maltin permezz tal-internet.

Ġie spjegat li Primary Aromatic Amines (PAAs) huma kimiċi li jistgħu jemigraw minn oġġetti li jintużaw f’kuntatt mal-ikel, bħal għodda tal-kċina u materjal li jintuża għall-ippakkjar tal-ikel. Dawn jiffurmaw waqt proċessi li jirrikjedu temperaturi għoljin u jistgħu jkunu karċinogeni għall-bniedem, jekk ikunu f’ammonti elevati.

Deskrizzjoni tal-prodott:  Mgħarfa kbira magħmula minn materjal tan-nylon ta’ kulur iswed, bit-tarf tas-silikon ta’ kulur oranġjo
Dittà:FISKARS Functional FormTM  Spoon
Kodiċi tal-prodott:1027299
Lott:191223
Oriġini:Ċina

“Jekk armejt il-kartuna bid-dettalji, tista’ tagħraf il-prodott minn dan is-sinjal li jinsab fuq wara tal-imgħarfa. Fis-sinjal it-tond, il-vleġġa tħares lejn in-numru 12 u għandek issib in-numri 1 u 9 fuq kull naħa tal-vleġġa,” qal id-direttorat.

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq numru tat-telefon 21337333 jew jibgħat email fuq mhi@gov.mt.