Aġġornata: “Il-ġabra għal Dr Klown kienet ġenwina”

Il-membri ta’ Dr Klown ħarġu appell li hemm mara li mhix awtorizzata, qed tiġbor flus minn stabilimenti u tgħid li se jmorru għal Dr Klown. Aktar tard din il-mara tkellmet ma' Dr Klown u spjegat li kienet qed tiġbor il-flus għall-NGO u provdietilhom provi għal dan.
Madanakollu, fi stqarrija il-President ta' Dr Klown Maurice Sleypen, sostna li ma kellux idea li dawn il-flus kienu qed jinġabru f'isem l-għaqda.
Dr Klown hija għaqda mhux governattiva bbażata fl-Isptar Mater Dei, fejn għadd ta’ voluntiera jilbsu ta’ tobba klowns u jmorru jnisslu tbissima fuq l-uċuħ tat-tfal fil-ward Disneyland, Fairyland, Wonderland, il-Paediatric Day Care u Rainbow Ward.
F’messaġġ li beda jiġi mxerred mill-voluntiera lbieraħ, sostnew li Dr Klown ma jiġborx flus b’dan il-mod. 
Voluntier spjega ma’ Newsbook.com.mt li l-ġbir ta’ fondi għall-organizzazzjoni jsir biss fl-Isptar Mater Dei jew inkella minn avvenimenti li tkun speċifikament mistiedna għalihom l-organizzazzjoni.
Skont il-messaġġ, xi rapporti li waslu lill-għaqda, mara qed iddur ħwienet fil-Fgura titlob donazzjoni u kull min jagħi donazzjoni ttih imnieħer aħmar tal-klowns. 
L-għaqda talbet lil dawk kollha li jiltaqgħu ma’ xi tip t’abbuż sabiex jirrappurtaw il-każijiet billi jċemplu fuq 21374676 jew billi jibgħatu imejl fuq president@drklown.org. Jinkoraġġixxu wkoll li wieħed jirrapporta l-każi li jiltaqa’ magħhom lill-Pulizija.
Lil min għandek tafda f'isem Dr Klown?
Fl-istqarrija mibgħuta tard ilbierħ filgħaxija, Dr Klown ikkjarifika mal-midja li l-għaqda għandha persuni li jiġbru l-flus f'isimha, iżda dawn għandhom dokumenti uffiċjali u jkunu qed joffri mnieħer aħmar mal-bibien tal-Isptar Mater Dei, kif ukoll waqt avvenimenti uffiċjali tal-istess għaqda. 
Ħabbru li għar-raba' sena konsekuttiva, il-parteċipanti ta' Miss World Malta 2018, qed jiġbru l-flus għal Dr Klown permezz ta' bejgħ tal-imnieħer aħmar tal-klowns.

Ritratt: Dr Klown