Attent jekk tirċievi telefonati għal dettalji “mill-GO”

Il-kumpanija tat-telefonija GO ċaħdet li qed titlob ħaddiema tagħha jċemplu lill-klijenti dwar ħsarat fil-kompjuters tagħhom u jitolbuhom id-dettalji personali.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, il-GO spjegat kif tinsab infurmata li ċertu persuni qed jiġu kkuntattjati minn terzi parti li qed jgħidu li qed jirrappreżentaw lill-kumpanija. Huma jgħidu li qed iċemplulhom dwar ħsarat fil-kompjuters. Dawn qed jitolbu lill-klijenti tal-GO sabiex jagħtu informazzjoni personali, jew inkellha jipprovdu aċċess għall-kompjuters tagħhom minħabba allegat tħassir fis-sistema jew overloading.

Il-GO wissiet lill-klijenti li dawn il-persuni ma jirrappreżentawx il-kumpanija u li l-GO ma tkoprix dawn it-tip ta’ problemi tekniċi. Intant talbet lill-klijenti sabiex ma jagħtux aċċess jew dettalji personali meta jirċievu telefonati tat-tip.