Attent jekk se tivvjaġġa: Twissija ta’ xita qliel

Jekk illum biħsiebek tivjaġġa bejn Malta u Għawdex, jew bi ħsiebek toħroġ għal xi ħin bil-karozza, oqgħod attent. Dan minħabba li ħarġet twissija ta’ maltempata severa li qed tiġi rrapportata minn bosta bassara inkluż l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, First Malta u Gozo Weather Page.

Gozo Weather Page spjegat fuq Facebook li t-twissija se tkun fis-seħħ bejn it-3pm u d-9pm illum sakem ma jiġix indikat mod ieħor f’aġġornamenti oħrajn. Ġie spjegat li massa ta’ maltempati bir-ragħad se tifforma lejn il-punent tal-Gżejjer Maltin aktar tard. Din se timxi lejn il-lvant u tgħaddi minn fuq ir-reġjun tagħna tard wara nofsinhar u kmieni filgħaxija. Ġie spjegat li “l-aktar maltempata bir-ragħad qawwija taf tkun b’xita qawwija jew torrenzjali, riħ qawwi ħafna, silġ ta’ daqs medju jew kbir u sajjetti.” It-total ta’ xita jaf jaqbeż il-50 mm f’xi nħawi.

Skont FirstMalta.com, ESTOFEX, li hija entità tat-tbassir tal-maltempati fl-Ewropa poġġiet lil Malta f’riskju tat-tieni livell. L-akbar riskju hija meta pajjiż jitpoġġa fit-tielet livell. Il-bassara qalu wkoll li s-sewwieqa qed jintalbu sabiex jevitaw li jipparkjaw il-vetturi tagħhom fin-Nofsinhar u x-Xlokk ta’ Malta, speċjalment fl-inħawi tal-kosta. Dawk kollha li għandhom attivitajiet ippjanati barra qed jintalbu biex isegwu s-sitwazzjoni tat-temp b’reqqa.