Attent jekk se ssiefer nhar il-Ħadd!

Jekk se ssiefer nhar il-Ħadd li ġej, aħsiblu ftit qabel il-ħin normal hekk kif dakinhar, it-traffiku intensiv se jilħaq il-massimu tiegħu, b’madwar 180 tluq u nżul ta’ ajruplani.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li spjegat li se jkun hemm madwar 28,000 passiġġier li se jiġu jew jitilqu minn Malta permezz tal-ajruport.

Intant, spjegaw kif Awwissu huwa xahar popolari għall-vjaġġi tal-familja u jidher li sa tmiemu mas-36,000 tifel u tifla se jkunu għaddew mit-terminal.

Jekk se ssiefer, l-MIA qed titlob lil kulħadd sabiex jiffamiljarizza ruħu mas-sigurtà tal-ajruport. Il-passi jinkludu:

  1. Aċċessorji – kemm jista’ jkun u fejn possibbli evita aċċessorji bħal ġojjellerija, ċintorini u arloġġi minħabba d-detetturi tal-metall.
  2. Bokkli u lazzijiet – ilbes żarbun li joħroġ faċilment minn saqajk mingħajr ma tħoll bokkla jew lazz.
  3. Likwidi – il-likwidi fil-bagalji tal-idejn iridu jkunu f’kontenituri ta’ mhux aktar minn 100ml u li flimkien ma jkunux jammontaw għal aktar minn litru. Dawn għandhom jitqiegħdu f’borża trasparenti ta’ madwar 20cm x 20cm.
  4. Mediċini likwidi, inklużi siringi u pakketti tal-ġell għat-tkessiħ, jistgħu jinġarru fil-bagalja tal-idejn anki jekk ikun fihom aktar minn 100 ml likwidu, diment li jkollok dokument tat-tabib li jakkumpanjahom.
  5. Apparat tekonoloġiku – jekk qed jinġarr fil-bagalja tal-idejn dan għandu jinħareġ fil-post tas-sigurtà u jiġi mgħoddi mill-magna tar-raġġi X.
  6. Bwiet imbattla – muniti, ċwievet, mowbajls u kwalunkwe ħaġa oħra li jista’ jkollok fil-bwiet tiegħek aktarx li jiskattaw l-alarm.
  7. Ikel – tista’ ġġor ikel fil-bagalja tal-idejn sakemm dan ma jkollux likwidu, jew kremi. Ikel tat-trabi jista’ jinġarr fil-bagalja tal-idejn.
  8. Rigali – rigali jistgħu jinġarru fil-bagalja tal-idejn imma huwa rrakkommandat li jinżammu miftuħin. Pistoli tal-logħob jiġu kkonfiskati.
  9. Apparat għax-xagħar – dan jista’ jinġarr fil-bagalja tal-idejn mingħajr problemi.