Attent jekk kont se tgħaddi mill-Marsa-Ħamrun Bypass is-Sibt

Il-Bypass bejn il-Marsa u l-Ħamrun fid-direzzjoni tat-tramuntana se jkun magħluq is-Sibt li ġej biex jitqiegħdu l-aħħar saffi ta’ asfalt.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta qalet li l-biċċa mill-pont ta’ bejn il-Marsa u Ħal Qormi sal-mini ta’ Santa Venera u t-triq lejn l-Imrieħel Bypass se tkun magħluqa. It-triq se tingħalaq is-Sibt fis-2 am u terġa’ tinfetaħ filgħaxija.

Infrastructure Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex juża rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħal Luqa u Ħal Qormi, meta jivvjaġġa min-nofsinhar lejn iċ-ċentru jew it-tramuntana tal-gżira. It-telgħa mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Diċembru 13 għall-Marsa-Ħamrun Bypass se tkun magħluqa wkoll u dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta se jiġu ggwidati jibqgħu sejrin fid-direzzjoni tal-Belt jew l-Imsida. Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta se jkunu fl-inħawi f’kull ħin sabiex jgħinu lil dawk li jkunu f’diffikultà.

Skont Infrastructure Malta, l-istess karreġġjata tal-Marsa-Ħamrun Bypass se tingħalaq mill-ġdid bil-lejl fit-22 t’Ottubru bejn is-7 pm u l- 5 am. Il-Marsa-Ħamrun Bypass twessa’ għal sitt korsiji. Kellu jitlesta f’April li ġej imma se jitlesta xhur qabel oriġinarjament skedat.