Attent jekk illejla se tgħaddi mill-Kappara, il-Marsa u l-Furjana

L-aċċess għall-Kappara se jkun magħluq bejn l-10pm u s-6am ta’ dal-lejl.
Dan hekk kif tmienja mis-16-il travu tal-ħadid, li se jkunu parti mill-pont u se jitqiegħdu fuq il-kolonni tul il-flyover, waslu Malta u se jkunu qed jinġarru mill-Marsa sal-Kappara.
It-trejlers se jitilqu minn Dock 7 il-Marsa fit-8pm u se jgħaddu minn Triq il-Labour, Triq Aldo Moro, il-bypass tal-Marsa-Ħamrun, il-mini ta’ Santa Venera, Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli.
Dawn se jkunu qegħdin jinstaqu fuq il-karreġġjata tal-lemin tat-triq.
Il-pulizija u l-uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu fuq il-post biex jagħlqu t-triq u jiggwidaw lis-sewwieqa biex jgħaddu minn toroq alternattivi.
Dalgħodu nies li nqabdu fit-traffiku spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li minħabba għadd ta’ xogħlijiet li qed isiru fil-junction tal-Kappara nħoloq serbut twil ta’ karozzi.
Barra minn hekk, illejla u għada, Transport Malta se tagħmel wiċċ ġdid f’partijiet minn Triq Diċembru 13 fil-Marsa kif ukoll fi Triq Sant Anna l-Furjana.
Ix-xogħlijiet, li se jibdew fit-8pm tal-lejla, se jsiru f’korsija waħda u għaldaqstant it-triq se tibqa’ miftuħa għall-vetturi.
Ix-xogħlijiet ta’ għada se jsiru bejn id-9am u l-4pm, imbagħad ikomplu wara d-9pm.
Is-sewwieqa huma mħeġġa jevitaw iz-zoni u jsegwu l-istruzzjonijiet.
Ritratti: Transport Malta