Filmat: Attent jekk iħabbatlek dar-raġel

Diversi residenti f’Pembroke esprimew it-tħassib tagħhom dwar raġel li qed iħabbat il-bibien tan-nies biex jiġbor il-flus għax ma jistax jitkellem.
Residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li hekk kif wieġbu mill-intercom  biex jiċċekkjaw min ħabbat ma weġibhom ħadd, u x’ħin marru jiftħu il-bieb sabu lir-raġel ta’ nazzjonalità barranija jindika li hu mutu u jipponta lejn clipboard  fejn kellu karta li biha kien qed jitlob €20 għall-karità.
Hekk kif ir-ritratti tar-raġel qed iduru fuq il-midja soċjali, resident ieħor mill-istess raħal qal li ftit wara li fetaħ il-bieb u r-raġel indikalu li kien mutu dan tal-aħħar daqlu l-mobajl u aljena tant li wieġbu quddiemu u nkixef li mhux vera mutu.
Dan hu t-tieni każ simili f’temp ta’ ġimgħa fejn f’każ separat f’Ħal Luqa raġel ta’ nazzjonalità barranija seraq koppja anzjana wara li ħabbtilhom il-bieb u talabhom €20 għall-karità wara li qalilhom li kien nieqes mis-smigħ.
Il-ħalliel allegatament kien qed iħabbat il-bibien tar-residenzi  fil-Belt u f’Ħal Qormi.
Residenti f’Pembroke appellaw biex jekk ir-raġel li jidher fil-filmat iħabbat il-bieb ta’ residenza, dawn jinfurmaw lill-Pulizija.
"Persuni b’diżabilità ma jiksbux ħajja xierqa u dinjituża billi jittallbu għall-flus"
Fi stqarrija l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ saħqet li persuni b’diżabilità ma jiksbux ħajja xierqa u dinjituża billi jittallbu għall-flus, iżda billi jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ servizzi li jpoġġuhom f’kundizzjoni li jgħixu b’mod dinjituż.
Żiedet tgħid li l-Kummissjoni ilha bosta snin taħdem biex il-persuni b’diżabilità igawdu mill-istess drittijiet bħal kull ċittadin ieħor.