Ġugarelli b’kimika perikoluża

Sbieħ u ħelwin. Ma tistax ma tiggustahomx, iżda attent għax perikolużi. Din hija l-fehma tad-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan l-MCCAA.
Dan wara li qal li ġew irtirati mis-suq wara li rriżulta li kien fihom livell eċċessiv ta’ kimiċi perikolużi.
Fi stqarrija, id-Direttorat qal li ġabar 15-il ġugarell fosthom pupi, kotba tal-plastik u ġugarelli li jilagħbu bihom it-tfal fil-banju.
Spjega li mir-riċeka ħareġ li erbgħa mill-ġugarelli kien fihom livell eċċessiv ta’ di-(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP).
Id-DEHP hu magħruf għall-effett li jista’ jħalli fuq il-fertilità kif ukoll jista’ jikkawża xi ħsara lit-trabi fil-ġuf.
Id-direttorat qal li ħa l-prekawzjonijiet neċessarji biex dawn il-prodotti jitneħħew mis-suq lokali.
Il-lista ta’ ġugarelli li nstabu li għandhom livell eċċessiv ta’ dan il-phtalate tinsab hawn taħt:
 – Foki blu ‘Animal’, intenzjonati li jilagħbu bihom it-tfal fil-banju, bin-numru tal-mudell KR1505193, manifatturati fiċ-Ċina;
– Pupa tal-plastik ‘My Lovely Baby Tutu Love’ bin-numru tal-mudell mhux definit u manifatturata fiċ-Ċina;
– Pupa tal-plastik ‘Little Miss’ bin-numru tal-mudell NO.160 A B manifatturata fiċ-Ċina;
– Pupa tal-plastik ‘Elegance’ bin-numru tal-mudell 65078 manifatturata fi Spanja.
Huwa qed javża biex min xtara wieħed minn dawn il-ġugarelli għandu jieqaf jużahom u jirritornahom fil-ħanut minn fejn xtrahom.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 23952000 jew email.