Attent: Ħu l-pet malajr għand veterinarju jekk tarah jagħmel hekk

Pets ta’ kwalunkwe razza jagħmlu diversi affarijiet ħelwin kif ukoll strambi u peress li mhux dejjem nifhmu għalfejn jagħmlu dak li jagħmlu għandna t-tendenza li nidħqu jew sempliċiment niggustawhom. Sintendi hemm ċertu sintomi li jiġbdulna l-attenzjoni, speċjalment jekk ikunu simili bħal dawk ta’ meta nkunu morda aħna.

Il-problema hi li mhux kull imġiba hi ċara jew simili. Minħabba f’hekk veterinarji qed javżaw lis-sidien tal-pets dwar imġiba partikolari li jista’ jindika li l-kelb jew qattus għandu kundizzjoni serja.

Meta wieħed jara l-pet jagħfas rasu mal-ħajt jaf jaraha bħala xi ħaġa umoristika u faċli jaħseb li l-pet irid joqgħod ftit waħdu jew li forsi ddejjaq. Fil-verità jekk tara l-pet tiegħek idawwar rasu lejn il-ħajt għandek tkun konċernat.

L-imbuttar tar-ras mal-ħajt jista’ jkun sinjal ta’ kundizzjoni medika serja li ġġiegħel lill-pet jimbotta rasu ma’ xi ħitan jew oġġetti solidi. Meta wieħed jara l-pet jagħmel hekk għandu josserva wkoll jekk dan idumx jagħmel hekk għal ammont twil ta’ minuti.

Skont veterinarji annimali oħra bħal baqar, mogħoż, nagħaġ u żwiemel jimbuttaw rashom ukoll mal-ħitan biex jindikaw li xi ħaġa hi ħażina. Skont is-sit PetMD dan l-għaġir huwa sinjal ta’ problema jew kundizzjoni newroloġika jew mod kif il-pet jurik li jinsab muġugħ. L-imbuttar tar-ras mal-ħajt jista’ jkun sinjal ta’ kundizzjoni bħal hydrocephalus, meningitis, encephalitis, stroke, infezzjoni, infjammazzjoni jew trawma tar-ras.

Sinjali oħra li wieħed għandu joqgħod attent għalihom huma jekk jara l-pet jimxi fi ċrieki, jiċċassaw fit-tul lejn ħitan, puplesija u problemi tal-vista.

Jekk tinnota xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandek tieħu l-pet għand veterinarju mill-aktar fis.