​Attent: Gallettini tat-tfal li jistgħu jqabbdu kanċer

Gallettini tat-tfal bil-konċentrat tat-tuffieħ m’għandhomx jiġu kkunsmati għax fost l-oħrajn jistgħu jikkawżaw kanċer.
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali avża li dawn il-gallettini, bl-isem BISKids tad-ditta Belkorn għandhom livelli għoljin ta’ acrylamide, li hu kkunsidrat bħala genotossiku u karċinoġenu fl-annimali tal-laboratorji.
L-acrylamide jifforma waqt tisjir bħall-qali u sajran fil-forn, b’temperaturi ta’ 120°C jew iktar. Jista’ jifforma f’dak l-ikel li jkun rikk fil-karboidrati, kif ukoll ikel li jkun ġej minn pjanti u li jkollu ammont baxx ta’ proteini.
Il-kumpaniji involuti ddikjaraw li parti mill-konsenja laħqet inbiegħet. Il-lott affettwat huma dawk bin-numru 171401 u 164001. Il-prodott jiżen 150 gramma u ġej mill-Belġju.
Għal iktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq 21337333 mit-8am sas-2.30pm, jew jibgħat imejl fuq mhi@gov.mt.