Attent fejn tiekol jekk sejjer l-Italja

Arkivji

Fl-Italja, il-belt ta’ Firenze li tattira ħafna turisti qed tintroduċi multi għal min jinqabad jiekol barra fit-triq.

Skont l-Associated Press, is-Sindku Dario Nardella qal li l-multi jitilgħu sa €500 biex inaqqsu t-turisti b’manjieri ħżiena. Ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ riċentament u japplikaw għal ċertu toroq ta’ Firenze. Il-ħinijiet affettwati huma min-nofsinhar sat-3 pm u mis-6 pm sal-10 pm. Ġie rrappurtat li t-turisti spiss jieklu fit-toroq biex jevitaw milli jħallsu biex jieklu fl-istabbilimenti tal-ikel.

Skont is-sit The Guardian, ħafna negozjanti qed jiddejqu bit-turisti li jimblukkaw l-aċċess għal ċertu bibien meta jkunu qed jieklu. F’Awwissu ġie rrappurtat li kien hemm ġlieda bejn sid ta’ ħanut u familja li kienu qed jieklu quddiem il-bieb tiegħu. Xi nies li jgħixu f’Firenze qalu li l-konsum tal-ikel fit-toroq ma jgħinx il-problema tal-iskart.