Attent fejn se tmur tgħum!

L-organizzazzjoni Malta Red Cross qed tavża lill-għawwiema biex joqogħdu attenti fejn se jgħumu llum.
Fi stqarrija, spjegat li minħabba riħ li ġej mil-Lvant b’qawwa ta’ Forza 5, diversi bajjiet madwar Malta huma perikolużi għall-għawm.  Semmiet fost l-oħrajn il-Fajtata f’Wied il-Għajn, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Bajja tal-Għadira l-Qawra u l-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.
Wissiet ukoll li l-bajjiet ta’ Għajn Tuffieħa u Golden Bay qed itajru bandiera safra u għalhekk it-tfal u dawk li ma jħossuhomx kunfidenti fl-ilma, għandhom jevitaw dawn il-bajjiet ukoll.
Ir-Red Cross appellat biex min irid jgħum f’bajja sigura għandu jmur il-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u l-Perched Beach f’Buġibba.
Fakkret li f’każ li jkunu qed jittajru żewġ bnadar ħomor, il-lifeguards mhux obbligati jinżlu fl-ilma.