​ATTENT: Bajd ikkontaminat issa f’Malta

Traċċi tal-kimika fipronil (kontra l-briegħed), instabu f’bajd f’Malta u l-pubbliku qed jiġi mwissi biex ma jikolx iktar minn żewġ bajdiet kuljum.
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, fi stqarrija qal, li wara li f’numru ta’ pajjiżi Ewropej instabu prodotti tal-bajd bi traċċi tal-fipronil, fil-ġimgħat li għaddew, wettaq testijiet fuq kampjuni ta’ bajd impurtat, kif ukoll dak Malti.
Il-kampjuni ntbagħtu f’laboratorju fil-Ġermanja, fejn irriżulta li 8 minn 20 kampjun, kellhom traċċi ta’ din il-kimika.
Id-Direttorat jisħaq, li waqt li l-użu tas-sustanza mhix permessibbli, l-ammonti li nstabu ma jlaħħqux livelli ta’ tossiċità. Madanakollu, xorta, bħala prekawzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika jirrakkomanda, li sakemm joħroġ avviż ieħor, persuna ma tikkunsmax iktar minn żewġ bajdiet kuljum.
Il-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Ikel, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji u d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali diġà ħadu passi biex is-sorsi fejn kien hemm bajd ikkontaminat jitwaqqfu milli jinbiegħu fis-suq lokali u li jsiru testijiet ulterjuri.
Il-fipronil, li fost l-oħrajn tintuża biex toqtol il-ħurrieq fuq it-tiġieġ, tista’ tagħmel ħsara lill-kliewi, lill-fwied u lill-glandoli tat-thyroid.