Madwar 90,000 persuna madwar id-dinja segwew il-Karnival ta’ Malta

Ritratt: MHAL

Read in English.

Hekk kif ġie mniedi fil-bidu ta’ Frar, il-Karnival 2020 wiegħed li jinkludi taħlita ta’ elementi tradizzjonali tal-Karnival ta’ Malta, flimkien ma inizjattivi ġodda u interessanti. Dawn mhux biss kienu ta’ suċċess kbir, iżda rnexxielhom joffru spinta innovattiva għal waħda mill-akbar ċelebrazzjonijiet kulturali ewlenin f’Malta. 

Mill-21 sal-25 ta’ Frar, il-Kapitali ta’ Malta, il-Furjana u l-Ħamrun ġew imżewwqa b’karrijiet spettakolari, koreografiji ta’ żfin uniċi u diversi kostumi elaborati kkuluriti. Hi u tikkummenta dwar il-Karnival 2020, id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, saħqet li hi kuntenta ħafna bis-suċċess kbir tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

“Permezz ta’ ħafna organizzazzjoni u xogħol preliminarju matul is-sena kollha, nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li l-inizjattivi kollha kellhom reazzjoni pożittiva mill-pubbliku. Permezz tad-disinn tal-poster uffiċjali mill-istudenti tal-Arti Diġitali tal-Universita’ ta’ Malta, id-disinn mill-ġdid ta’ Pjazza San Ġorġ, flimkien ma’ inizjattivi oħra, Festivals Malta rnexxielha toħloq esperjenza unika għall-parteċipanti u d-dilettanti kollha tal-Karnival.”

Id-Direttur kompliet tikkummenta fuq l-iżviluppi li saru biex jagħmlu l-Karnival possibbli. “Jiena jħossni kburija bil-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni murija mill-partijiet kollha, speċjalment meta tikkunsidra t-tibdil li kellna din is-sena fil-Karnival ta’ Malta. Nixtieq nirrigrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex dan l-avveniment ikun ta’ suċċess, speċjalment lil parteċipanti. Minkejja ż-żieda sostanzjali tal-kumpaniji tal-Karnival, kulħadd irnexxilu jżomm mar-regolamenti.”

Jason Busuttil, id-Direttur Artistiku tal-Karnival, tkellem fuq is-suċċess u l-kummenti pożittivi li rċieva, hekk kif semma’ l-ammonti kbar ta’ nies li nġemgħu fit-toroq tal-Belt Valletta biex jiċċelebraw il-Karnival 2020. “Il-Belt Valletta ħadet il-ħajja għal ħamest ijiem sħaħ. Triq ir-Repubblika rat eluf  ta’ Maltin u turisti, u pjazza San Ġorġ kienet dejjem mibjugħa kollha.”

Meta ġie mistoqsi fuq x’ispira ċ-Ċelebrazzjoni tal-Karnival fi Pjazza Tritoni, li ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-VCA, id-Direttur Artistiku qal li l-involviment ta’ DJ Tenishia fil-Karnival 2020 mhux biss żiedet fit-telespettaturi, imma rnexxielha jikseb entużjażmu u interess minn dawk li normalment ma jattendux l-attivitajiet tal-Karnival. “Permezz ta’ DJ Tenishia, aħna rnexxielna nxandru l-atmosfera tal-Karnival lil aktar minn 900,000 persuna madwar id-dinja. Grazzi għal din it-trażmissjoni aħna ħloqna aktar interess għal Karnival barra minn xtutna.”

Il-Preparazzjonijiet għall-Karnival tas-Sajf, li jaħbat mill-21 sat-23 ta’ Awissu 2020, diġà għaddejjin ġmielhom, b’programm interessanti li ser jinżel tajjeb ħafna mad-dilettanti kollha tal-Karnival. Apparti minn hekk, Festivals Malta ser tkun qed tintroduċi għadd ta’ workshops fil-ġimgħat li ġejjin, bl-iskop li tkompli tgħolli l-livell ta’ xogħol ippreżentat waqt il-Karnival ta’ Malta.