Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal fil-Parlament li fl-2018 u fl-2019 mard ċirkolatorju, fosthom l-attakki tal-qalb u l-puplesija, kien l-aktar li wassal għal imwiet.
Huwa ta din l-informazzjoni meta ġie mistoqsi mill-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia għal-lista sħiħa tal-persuni kollha li mietu fil-Gżejjer Maltin minn Jannar sa Ottubru tal-2018, l-2019 u l-2020, u dettalji dwar il-mewt tagħhom.
Fl-istatistika li ppreżenta Dr Fearne, jidher li minn Jannar sa Ottubru tal-2018 u tal-2019 mietu 3068 persuna u 3090 persuna rispettivament. Bejn Jannar u April ta’ din is-sena, imbagħad, kien hemm 1,414-il mewta.
L-aktar kawża komuni ta’ mewt hija b’mard ċirkolatorju, li jinkludi attakki tal-qalb u puplesija. It-tieni l-aktar kawża tal-mewt komuni hi l-kanċer, filwaqt li l-inqas kawża komuni hi infezzjonijiet, li jeskludu infezzjonijiet respiratorji.
F’Mejju sar appell biex in-nies ma jinjorawx sinjali ta’ attakk tal-qalb jew puplesija. Dan minħabba li f’dak il-perjodu, meta l-coronavirus kien għadu qed jixref rasu f’Malta, bosta persuni kienu mbeżżgħin u żammew lura milli jmorru fil-faċilitajiet tas-saħħa.
Ta’ min jinnota li minn sena għall-oħra, in-numri ta’ mwiet b’kawża partikolari donnhom jibqgħu fl-istess ilma.
Kawża tal-mewt | 2018 | 2019 | 2020 (minn Jannar sa April) |
Mard ċirkolatorju inklużi attakki tal-qalb u puplesija | 1027 | 1054 | 442 |
Kanċer | 898 | 796 | 330 |
Mard tas-sistema respiratorja | 321 | 387 | 198 |
Kundizzjonijiet mentali (prinċiparjament dimensja) | 212 | 193 | 118 |
Kundizzjonijiet endokrinali (prinċiparjament dijabete) | 178 | 183 | 100 |
Mard tas-sistema diġestiva | 80 | 97 | 54 |
Imwiet minħabba inċidenti, suwiċidju u omiċidju | 98 | 90 | 34 |
Mard tas-sistema newroloġika | 82 | 88 | 33 |
Mard tal-kliewi u tal-bużżieqa tal-awrina | 70 | 73 | 27 |
Imwiet minħabba infezzjonijiet li jeskludu infezzjonijiet respiratorji | 39 | 42 | 22 |
Imwiet minn Covid-19 | 0 | 0 | 3 |
Imwiet minħabba kawżi oħra | 63 | 87 | 53 |
Total | 3068 | 3090 | 1414 |
It-tabella telenka anke l-imwiet li kien hemm bil-Covid-19, u sa April ta’ din is-sena, Malta kellha biss tliet imwiet bil-coronavirus, mentri sal-lum kien hemm 74 persuna li mietu b’dan il-virus.