Attakki sistematiċi fuq l-insara fil-Mali

L-insara fil-Mali qed ikunu fil-mira ta’ attakki sistematiċi minn Musulmani estremisti tant li l-Isqfijiet Kattoliċi qalu li huma inkwetati ħafna għall-fatt li l-Gvern m’hu qed jagħmel xejn quddiem din il-kriżi.
90% tal-popolazzjoni tal-Mali hi Musulmana u l-insara jagħmlu 2% biss tal-popolazzjoni jiġifieri mal-pajjiż kollu hu kalkolat li hemm madwar 100,000 persuna li jappartjenu lil komunitajiet insara.
Mons. Edmond Dembele, segretarju ġenerali tal-Konferenza Episkopali qal li l-postijiet tat-talb tal-insara spiss qed ikunu attakkati. Riċentement kien hemm attakk fil-villaġġ ta’ Dobara fejn nies armati daħlu fil-knisja u serqu kurċifiss, it-trieħi tal-altar u kulma kien hemm fuqu u statwa tal-Madonna u ħarqu kollox fuq il-bieb tal-knisja.
F’Settembru fir-raħal ta’ Bodwal, l-insara tkeċċew mill-knisja b’theddid li jekk jibqgħu hemm jitolbu kienu se joqtluhom. Fil-ġimgħat li għaddew numru ta’ knejjes ingħataw in-nar fir-reġjun ta’ Mopti u ħafna nsara kellhom jaħarbu.
Mons. Dembele lmenta li l-Gvern mhux qed jagħti protezzjoni biżżejjed u għalhekk qed ikunu diffiċli li l-insara li jeżerċitaw ir-reliġjon tagħhom f’pajjiż li l-Gvern jipproklama li hu pajjiż lajk fejn ir-reliġjonijiet kollha għandhom dritt jeżistu.
L-organiżazzjoni “Human Rights Watch” għadha kif ippublikat rapport li fih hemm dokumentati “abbużi serji minn gruppi armati Islamiċi fiċ-ċentru tal-pajjiż, inkluż qtil ta’ nies ċivil u anke ta’ suldati, tifrik ta' skejjel u l-użu ta’ tfal bħala suldati.
Ir-rapport jakkuża wkoll lill-armata li wettqet krimini simili fosthom qtil sommarju, wasslet biex sparrixxew xi nies, wettqet tortura u arresti arbitrarji.  Dan kollu qed iwassal biex tkompli tiżdied il-vjolenza fil-pajjiż.