Attakki Pariġi: L-ISIS joħorġu filmat tat-terroristi qabel l-attakk

L-Istat Iżlamiku tella’ filmat li juri lid-disgħa mis-suspettati tal-attakk f’Pariġi f'Novembru li għadda, qabel ma wettqu l-att terroristiku.
Il-filmat juri raġel li jixbah lil Abdelhamid Abaaoud, is-suspettat ewlieni wara l-attakki u li nqatel f'rejd mill-pulizija f’appartament f’Saint-Denis.
Juri wkoll lil uħud mis-suspettati jħanxru l-irjus ta' priġunieri kif ukoll jagħmlu taħriġ militari fil-Lvant Nofsani.
Il-filmat jinkludi wkoll il-postijiet li ġew attakkati f’Pariġi u li ħallew 130 persuna mejta.
Jagħlaq b'ritratti ta' Membri Parlamentari Ingliżi li qed jappoġġjaw l-attakki mill-ajru kontra l-Istat Iżlamiku fis-Sirja.
Il-filmat li nħareġ mill-istazzjoni televiż tal-Istat Iżlamiku, inġibed fil-belt kapitali tagħhom, f'Raqqa.
Disgħa mis-suspettati mietu f’Novembru li għadda waqt l-attakk jew fil-ġranet ta' wara, u tnejn minnhom għadhom qed jiġu mfittxija mill-pulizija.