Attakki Pariġi: Iktar arresti u sejbiet tal-Pulizija fl-Ewropa

Żewġ Belġjani miżmuma mill-Pulizija b’rabta mal-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa f’Pariġi, ammettew li wasslu lil Salah Abdeslam fil-karozza tagħhom il-Ġimgħa filgħodu f’Pariġi stess, imma ċaħdu l-involviment tagħhom fl-attakki.
Iż-żewġt irġiel qed jinżammu mill-Pulizija fuq akkużi ta’ kospirazzjoni u qtil terroristiku.
Il-Pulizija Ġermaniża wkoll arrestat tliet persuni, żewġ nisa u raġel, fil-fruntiera mal-Belġju.
Fi Franza, il-Pulizija sabu żewġ ‘safe houses’ użati mit-terroristi sal-Ġimgħa u kamra f’lukanda, ibbukkjata f’isem Salah Abdeslam, għall-jiem ta’ bejn l-Erbgħa li għadda u llum.
Skont midja Franċiża, fil-kamra nstabu siringi u pajpijiet li aktarx intużaw biex inħolqu l-bombi.
Instabet ukoll it-tielet karozza abbandunata, reġistrata l-Belġju, li issa tneħħiet mill-post u ttieħdet mill-Pulizija għal testijiet forensiċi.