Attakki Pariġi: Identifikat wieħed mill-aggressuri

L-awtoritajiet Franċiżi, identifikaw wieħed mill-aggressuri li l-ġimgħa li għaddiet qatlu 129 persuna f’Pariġi.
Omar Ismail Mostefai, ċittadin Franċiż, għandu 29 sena u huwa magħruf sew mal-Pulizija Franċiża.
Ismu ssemma dalgħodu minn Membru Parlamentari Franċiż u anke fuq il-midja lokali.
L-investigaturi identifihawh wara li biċċa minn subgħajh instab fis-sala tal-arti Bataclan, il-post li fih tliet persuni splodew lilhom infushom.
Jidher li Mostefai kien arrestat kemm il-darba fuq numru ta' reati iżda qatt ma ntbgħat il-ħabs. L-awtoritajiet Franċiżi qed jippruvaw jiskopru jekk is-sena li għaddiet, l-allega aggressur kienx mar is-Sirja.
Dan kien wieħed minn seba’ postijiet li kien attakkat nhar il-Ġimgħa filgħaxija fil-kapitali Franċiża.
Skont esperti, seba’ militanti kienu maqsuma fi tliet gruppi u x’aktarx xi wħud minnhom irnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post.
Intant, Pulizija fil-Belġju arrestaw tliet persuni li dehru jaqsmu l-fruntiera ma’ Franza u li investigaturi qed jaħsbu li huma wieħed mill-gruppi li s’issa rnexxielu jeħlisha ħafif.