Attakki makabri fuq iż-żwiemel fi Franza

Fi Franza qegħdin isiru attakki makabri fuq iż-żwiemel fil-mergħat bl-użu tas-skieken.

Il-ġurnal Ingliż The Guardian jirrapporta li l-Pulizija għadha qed tipprova tifhem dawn l-attakki li qegħdin isiru madwar Franza. Ġeneralment, qed jaqtgħu l-widna tal-lemin taż-żiemel barra. F’każ minnhom saħansitra tneħħew xi organi taż-żiemel li safa’ vittma tal-attakk.

Il-Ministru tal-Agrikoltura rrapporta nhar il-Ġimgħa li saru madwar 30 attakk. Wieħed ġara fi Frar li għadda, iżda għalkemm għaddew sitt xhur, donnu li kulma jmur, il-misteru aktar jikber.

Il-Franċiżi qegħdin jispekulaw jekk dawn il-każijiet humiex xi tip ta’ rit ta’ xi kult, xi tip ta’ sfida mqanqla mill-midja soċjali jew sempliċiment att krudili li baqa’ jiġi ripetut. Hemm tħassib ukoll fuq kif qegħdin isiru dawn l-attakki, peress li min jagħmilhom irid ikun familjari mal-anatomija taż-żwiemel, u anke minħabba l-fatt li żiemel faċilment jaħrab ladarba jkun fil-beraħ.

Fuq Facebook, waħda mill-vittmi ħolqot grupp bl-isem Ġustizzja għaż-Żwiemel Tagħna, wara li fis-6 ta’ Ġunju nqatel iż-żiemel tagħha f’Dieppe. Il-grupp illum jgħodd mas-17,000 membru.