Attakki ġodda kontra militanti Iżlamisti fl-Eġittu

L-armata tal-Eġittu bdiet attakki ġodda kontra militanti Iżlamisti bl-għan li jeqirduhom hekk kif ingħataw tliet xhur ċans biex iwettqu din il-missjoni mill-President Abdel Fattah al-Sisi li se jkun qed jerġa' jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali.
Skont il-midja internazzjonali, ajruplani tal-gwerra kienu qed itiru madwar il-Kanal Suez qrib iċ-ċentru ta’ Sinai.
Il-forzi tas-sigurtà ilhom jiġġieldu kontra l-militanti Iżlamisti fit-Tramuntana ta’ Sinai għal bosta snin. S’issa nqatlu mijiet ta’ suldati u pulizija. Mis-sena l-oħra ‘l hawn, il-militanti bdew jattakkaw ukoll liċ-ċittadini.
Din il-missjoni l-ġdida tal-armata se tkun qed tinvolvi l-iskwadra tal-ajru, il-forza navali, l-armata, u anke l-Korp tal-Pulizija.
L-elezzjonijiet presidenzjali għandhom isiru bejn is-26 u t-28 ta’ Marzu li ġej.