Attakki fuq l-immigranti: Timijiet għall-Italja u l-Awstrija biex jinvestigaw

REUTERS/Denis Balibouse

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet se tkun qed tibgħat timijiet fl-Italja u l-Awstrija biex jinvestigaw l-attakki fuq l-immigranti u l-protezzjoni li qed jingħataw f’dawn il-pajjiżi. Hi ddeskriviet iż-żieda fl-attakki bħala waħda allarmanti fuq dawk li qed iffittxu ażil u r-Roma.

Fl-ewwel diskors tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra hi ddeskriviet id-deċiżjoni tal-Italja li tagħlaq il-portijiet għall-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi bħala waħda li għandha konsegwenzi serji fuq l-iktar persuni vulnerabbli.

Hi saħqet ukoll li n-numri ta’ nies li qasmu mil-Libja naqsu drastikament fl-aħħar 12-il xahar, filwaqt li kiber in-numru ta’ dawk li mietu waqt li qed jaqsmu fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.

Il-gruppi li jaħdmu kontra r-razziżmu fl-Italja diġa wissew kontra l-attakki fuq l-immigranti li kull ma jmur qed jiżdiedu. Fi tliet xhur li Salvini ilu ministru kien hemm 14-il sparatura fuq immigranti, żewġ każi ta’ qtil u 56 każ ta’ vjolenza fuq l-immigranti.

L-Oppożizzjoni u l-għaqdiet fl-Italja akkużaw lil Salvini li qed joħloq klima ta’ mibgħeda wara li seħħew dawn l-attakki.