Attakki Franza: Maltin fil-grawnd fejn seħħew l-isplużjonijiet jeħilsuha ħafif

Żewġ żgħażagħ Maltin ħelsuha ħafif, wara li lbieraħ filgħaxija kienu qed jaraw il-logħba Franza kontra l-Ġermanja, fl-iStade de France, fil-mument li seħħew sensiela ta’ attakki fil-kapitali Franċiża, fosthom viċin l-istess grawnd.
“Ninsabu tajjeb għalkemm b’xokk kbir fuqna,” qal Olaf Depares ma’ Newsbook.com.mt waqt li rrakonta dak li għaddew minnu hu u t-tfajla.
Iż-żagħżugħ qal li kienu qed jaraw il-logħba, meta f’ħin minnhom instemgħet splużjoni, iżda dak il-ħin ma kien hemm l-ebda paniku. Ħafna ħasbuhom xi bombi li ġieli jitfgħu partitarji barra l-grawnd.
Ftit tal-ħin wara, reġgħet instemgħet splużjoni oħra, kompla jispjega Depares, iżda għal darb’oħra kulħadd baqa’ kalm.
“Fi tmiem l-ewwel taqsima, daħlu ħafna Pulizija u ma ħallew li ħadd joħroġ u hemm indunajna li kien ġara xi ħaġa,” kompla jispjega Olaf.
Kulħadd baqa’ fil-grawnd jara l-logħba, iżda Olaf u t-tfajla ddeċidew li jitilqu ftit qabel biex jevitaw ir-rassa tan-nies.
Wara xi ħin ma jistgħux joħorġu, għax twaqqfu minn membri sigurtà, iż-żewġ żgħażagħ sabu ruħhom fit-triq.
“Barra l-grawnd kulħadd kien qed jiġri bil-paniku,” kompla jgħid Olaf.
Olaf spjega, li hu u t-tfajla ddeċidew li jmorru jinġabru l-lukanda. Qabdu l-metro, iżda fejn kellhom jiefqu kien magħluq.
“Dak il-ħin indunajna li l-attakki kienu qed iseħħu fir-reġjun fejn konnha qegħdin aħna,” spjega ż-żagħżugħ
Meta ndunaw li l-Pulizija kienu ċċirkondaw kullimkien, Olaf u t-tfajla ddeċidew li jfittxu lukanda oħra.
“Konna fortunati għax sibna lukanda li kien fadlilha kamra waħda biss vojta, spjega Olaf. “Iżda għad għandna kollox fil-lukanda l-oħra. Kull ma għandna fuqna kartiera u żewġ mowbajls.”
Preżenti għal-logħba, kien hemm fost oħrajn, il-President Franċiż Francois Hollande li kellu jittieħed f’post sigur mill-membri tas-sigurtà.
S’issa qed ikun irrapurtat li fl-attakki, tilfu ħajjithom mijiet ta’ persuni.
L-Istat Iżlamiku qed jgħid li l-ġiħadisti wettqu l-attakk biex ipattu għall-attakki li Franza wettqet fuq militanti Iżlamiċi.