​Attakki Franza: Joseph Muscat jitlob reviżjoni fil-livell ta’ sigurtà f’Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ta struzzjonijiet għal reviżjoni tas-sigurtà f’Malta.
Fuq Twitter qal li l-lejl li għadda talab lill-Kapijiet tas-Servizzi tas-Sigurtà, kif ukoll lill-Pulizija u lill-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jirrevedu l-livell ta’ sigurtà. Qal li filwaqt ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ theddida fuq Malta, il-Gvern Malti qed jaddotta miżuri ta’ kawtela.
Fl-istess waqt esprima s-solidarjetà tal-Maltin mal-poplu Franċiż. Qal li t-Tnejn li ġej fil-Parlament se tinqara stqarrija dwar dawn l-attakki.
L-istess għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li fuq Twitter saħaq dwar l-għaqda fil-konfront tat-terroriżmu.
Alternattiva Demokratika wkoll ħarġet stqarrija tikkundanna bil-qawwa dawn l-attakki.
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet is-sogħba tagħha u tal-poplu Malti mal-Poplu Franċiż għat-telfa ta’ tant ħajjiet innoċenti fl-attakki terroristiċi tal-bieraħ filgħaxija, f’Pariġi. 
Il-Komunità Musulmana f'Malta Ahmidiyya kkundannat l-attakki terroristiċi u waslet il-kondoljani tagħha mal-Franċiżi.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll ikkundanna "l-attakk faħxi u bla qalb" tal-lejl li għadda u qal li l-pajjiżi kollha jridu jingħaqdu biex flimkien jiġġieldu kontra t-terroriżmu.