Attakkata parroċċa Kattolika fin-Niger

Il-Katidral fin-Niger li kienet attakkata u safa ferut saċerdot

Saċerdot Kattoliku safa ferut waqt attakk li seħħ fil-parroċċa tiegħu fid-djoċesi ta’ Niamey fin-Niger fejn il-komunitajiet Kattoliċi jinsabu taħt theddida kontinwa li dejjem qed tikber.

Missjunarji fil-pajjiż qalu li grupp ta’ persuni mhux identifikati attakkaw il-parroċċa ta’ Dolbel nhar it-Tnejn li għaddew u ferew lil Fr. Nicaise Avlouke. Il-parroċċa tinsab madwar 200 kilometru mill-belt kapitali.

Sorsi qrib il-missjunarji qalu li kienu mgħarrfa bil-possibiltà ta’ attakk fuq il-parroċċa u partikolarment kontra l-qassisin  Kattoliċi. Qalu li dan l-attakk hu konferma oħra tal-fatt li s-sigurtà fuq il-fruntiera mal-Burkina Faso qed tkompli teħżien.

Livell ta’ terroriżmu fis-Sahel 

Dan l-attakk seħħ jumejn biss wara l-attakk fuq knisja Kattolika fil-Burkina Faso li fih inqatlu sitt persuni. “Il-forzi tas-sigurtà jidher li m’humiex preparati tajjeb għal dan il-livell ta’ terroriżmu f’Sahel, qalu l-missjunarji.

Sadattant ma kien hemm ebda aħbar dwar Patri Pier Luigi Maccalli tas-Soċjeta’ tal-Missjunarji Afrikani li kien inħataf fin-Niger fis-17 ta’ Settembru tas-sena l-oħra. Il-pajjiż għadu ma ħax ir-ruħ minn sensiela ta’ attakki kontra l-insara li seħħew f’Jannar tal-2015 meta 45 knisja, kif ukoll skejjel u orfanatrofji kienu attakki u mogħtija n-nar f’Niamey, Zinder u Goure.

Dawk l-attakki kienu twettqu b’reazzjoni għall-cartoon ta’ Charlie Hebdo li kien juri li Mawmettu jibki li kien ixxandar jum wara attakk Islamiku li fih inqatlu tnax il-persuna fosthom disa’ ġurnalisti fi Franza.

Nippromwovu d-djalogu Inter-reliġjuż

F’dan ir-reġjun tan-Niger bħalissa għaddej proġett nisrani li jippromwovi d-djalogu u l-ftehim inter-reiġjuż, imsejjaħ “Flimkien ma’ Marija”.  Il-proġett jinkludi laqgħat regolari fejn l-insara ta’ kull denominazzjoni u l-Musulmani jiltaqgħu biex jitgħallmu dwar xulxin.

F’dawn il-laqgħat isiru diskorsi minn mexxejja nsara u Musulmani fuq it-tema tad-djalogu inter-reliġjuż u jkun hemm ukoll mumenti ta’ talb u diskussjonijiet. Iżda minkejja dan għad hemm nuqqas kbir ta’ fiduċja bejn l-insara u l-musulmani.