Attakka żewġ pulizija u seraq mobile; sena ħabs

Raġel ta’ 38 sena mill-Ghana ammetta li seraq mobile u attakka żewġ uffiċjali tal-pulizija waqt li kien taħt l-effett tal-alkoħol. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ikkundannat lir-raġel sena ħabs u multa ta’ €800.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat qal li ‘mhijiex skuża li għax wieħed ikun taħt l-effett tal-alkoħol jikser il-liġi. Żied li kull uffiċjal għandu jingħata s-sapport u jiġi rispettat għax fl-aħħar mill-aħħar huwa dawn in-nies li jipproteġu liċ-ċittadin.’

Ir-raġel kien akkużat ukoll li apparti l-mobile seraq ukoll €20 fi flus kontanti lill-istess mara f’Paċeville, kif ukoll li insulta u attakka żewġ kuntistabbli fl-għassa ta’ San Ġiljan u fil-lock-up, kif ukoll li weġġagħhom ħafif u m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija. Huwa kien akkużat ukoll li kien taħt l-effett tal-alkoħol u ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu f’post pubbliku.

Fil-Qorti r-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat għal sena ħabs u multa ta’ €800. Huwa ġie ordnat ukoll li jinbagħat lura l-Ghana wara li jiskonta s-sentenza u jħallas il-multa.