Attakka pulizija ħdejn San Ġiljan, ordnat jagħmel servizz fil-komunità

Raġel li attakka pulizija li ma kienx qiegħed fuq xogħol ħdejn il-mini ta’ San Ġiljan ġie ordnat jagħmel 250 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati mill-Qorti.

Fil-Qorti nstema’ kif f’Jannar tal-2017 Angel Attard ta’ 44 sena mill-Birgu ħareġ mill-karozza tiegħu u beda jxejjer id-daqqiet ta’ ponn lejn il-pulizija. Dan kien waqqfu talli kien qed isuq b’mod perikoluż.

Attard ġie akkużat fil-Qorti li weġġa’ lill-pulizija b’mod gravi mingħajr ma kellu l-ħsieb ipoġġilu ħajtu f’riskju, li rreżista l-pulizija b’mod vjolenti, li attakka lill-pulizija, u li kien qed isuq b’mod perikoluż.

Sena wara li bdew il-proċeduri kontrih, Attard wieġeb li kien ħati għall-akkużi kollha, ħlief li rreżista lill-pulizija. Il-Qorti ddikjaratu ħati tal-akkużi ħlief għal dik li rreżista lill-pulizija. Qalet li ma kienx hemm evidenza li turi li dan kien il-każ.

Waqt li kienet qed tikkunsidra s-sentenza tal-akkużat, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-kondotta mċappsa tiegħu u rapport li kien sar dwaru li qal li Attard issa beda jimxi fit-triq it-tajba u kellu xogħol fis.