Attakk terroristiku New Zealand: Dil-ġimgħa mistennija tinqata’ s-sentenza

REUTERS

Read in English.

Din il-ġimgħa mistennija tinqata’ s-sentenza ta’ Brenton Tarrant, ir-raġel li qatel lil 51 Musulman f’attakk terroristiku fuq moskea fi Christchurch fi New Zealand is-sena l-oħra.

Is-smigħ mistenni jdum erbat ijiem, u fih, Tarrant se jaffaċċja lil dawk li salvaw dawn l-attakk, u anke lill-qraba tal-persuni li qatel. Aktar minn 60 persuna huma mistennija jitilgħu jixhdu. Uħud minnhom vjaġġaw minn barra mill-pajjiż, u anke għamlu ġimagħtejn kwarantina biex jgħidu l-istorja tagħhom.

Ir-raġel Awstraljan ta’ 29 sena minn New South Wales x’aktarx jingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs, jirrapporta l-BBC. Huwa wieġeb ħati f’Marzu għal 51 qtil, 40 attentat ta’ qtil u talli wettaq attakk terroristiku.

Qabel, huwa kien wieġeb mhux ħati u kellu jgħaddi ġuri, iżda biddel il-verżjoni tiegħu. Issa jaffaċċja sentenza minima ta’ 17-il sena ħabs, iżda l-Imħallef li qed jippresiedi l-każ għandu l-poter li jagħtih sentenza ta’ għomor il-ħabs mingħajr parole. Din it-tip ta’ sentenza qatt ma ngħatat fi New Zealand.

L-attakk twettaq f’Marzu tal-2019.