Attakk suwiċida joqtol 28 f’ċentru taż-żgħażagħ

Dak li hu maħsub li hu attakk suwiċida fit-Turkija ħalla mill-inqas 28 ruħ mejta u mal-100 persuna oħra midruba.
L-attakk seħħ fir-raħal ta’ Suruc, qrib il-fruntiera tat-Turkija mas-Sirja, fi ġnien ta’ ċentru kulturali fejn hemm mijiet ta’ żgħażagħ impenjati f’xogħol biex jibnu mill-ġdid strutturi mwaqqa’ fir-raħal fil-qrib, Kobane.
Suruc qed jospita għadd ta’ refuġjati, l-iktar dawk li rnexxielhom jaħarbu minn Kobane stess, li f’Settembru li għadda nħataf mill-militanti tal-Istat Iżlamiku, imbagħad lura f’idejn l-armata f’Jannar, imma li fl-aħħar ġimgħat reġa’ spiċċa b’partijiet minnu f’idejn l-Istat Iżlamiku.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ikkundanna l-attakk waqt li l-forzi militari Torok qed jippuntaw subgħajhom lejn l-Istat Iżlamiku.
Ftit qabel sar l-attakk, iż-żgħażagħ fiċ-ċentru kienu qed jieklu fil-ġnien, kif jixhed dan ir-ritratt ippubblikat fuq l-internet ftit tal-minuti qabel.