Attakk suwiċida fin-Niġerja jħalli 30 mejta u 80 midruba

Anke fl-Afrika f’dawn il-jiem ma naqsux atti terrostiċi.
Fin-Niġerja, iktar minn 30 ruħ inqatlu u 80 oħra ndarbu hekk kif persuna splodiet lilha nnifisha f’attakk suwiċida f’suq fi tmiem il-jum.
L-isplużjoni, fil-belt ta’ Yola, instemgħet minn diversi kilometri ’l bogħod.
Mhux eskluż li l-attakk suwiċida seħħ bi tweġiba għaż-żjara tal-President Niġerjan f’Yola stess, fi tmiem il-ġimgħa, li ddikkjara li l-grupp terroristiku Boko Ħaram dalwaqt se jiġi megħlub.
Din hi t-tieni darba din is-sena li Yola ntlaqtet b’attakki terroristiċi.
Hu stmat li l-aħħar sitt snin ta’ terroriżmu fil-pajjiż ħallew mas-17,000 mejta.