Attakk Stokkolma: L-aggressur kien se jiġi diportat

Is-suspettat li wettaq attakk terroristiku fi Stokkolma nhar il-Ġimgħa kien qed jiġi proċessat biex ikun diportat.
Fi stqarrija l-Pulizija Żvediża qalet li r-raġel ta’ 39 sena mill-Uzbekistan li hu suspettat li saq trakk f’ħanut hu magħruf mal-Pulizija għax kellu opinjonijiet estremisti.
L-applikazzjoni tiegħu għall-ażil kienet ġiet irrifjutata f’Ġunju tas-sena l-oħra u kien qed jiġi mfittex minn uffiċjali tal-immigrazzjoni.
S’issa erba’ persuni huma konfermati mejta riżultat tal-attakk, fosthom żewġ Żvediżi, Ingliż u Belġjan.
Il-Pulizija Żvediża kkonfermat li fit-trakk li ntuża fl-attakk terroristiku fi Stokkolma, instab apparat suspettuż taħt is-seat tas-sewwieq.