Aġġornata(2): Attakk qrib attrazzjoni turistika ewlenija fl-Eġittu

Aġġornata fl-4.00pm:
Fil-Lvant Nofsani seħħ attakk ieħor fuq post iffrekwentat mit-turisti.
Il-Pulizija Eġizzjana qed tgħid li rnexxielha twaqqaf attakk suwiċida fil-belt antika ta’ Luxor, barra l-kumpless tat-tempju Karnak. 
Il-Pulizija qalet li tliet irġiel resqu lejn il-barrikati barra t-tempju biex jidħlu imma meta l-Pulizija resqet lejhom, wieħed minnhom sploda l-bomba li kellu marbuta ma' żaqqu, it-tieni wieħed inqatel u t-tielet raġel weġġa' serjament.
Weġġgħu wkoll żewġ persuni mill-post u żewġ pulizija iżda ebda turist. 
It-tempju Karnak hu fost l-attrazzjonijiet ewlenin għat-turisti fl-Eġittu. 
S'issa ħadd għadu ma ħa r-responsabiltà ta' dak li seħħ għalkemm militanti ġiħadisti qatlu mijiet ta' forzi tal-ordni u ta' uffiċjali pubbliċi minn kemm ilu li l-President Hosni Mubarak tneħħa mill-kariga fl-2013. 
Wara l-attakk tal-lum, il-Gvern Eġizzjan ħareġ ordni ta' iktar preżenza ta' Pulizija fl-inħawi li jżuru t-turisti. 
Il-ġimgħa li għaddiet inqatlu żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kienu mexjin qrib il-piramidi ta' Giza. 

F'Luxor stess kien seħħ massakru fl-1997 meta nqatlu 60 turist waqt li kienu qed iżuru tempju.
Dan hu t-tieni attakk f'post turistiku din is-sena f'din il-parti tad-dinja s'issa, wara dak tal-Mużew Bardo fit-Tuneżija f'Marzu.