Aġġornata (3): Attakk New York – Raġel isuq fuq in-nies u joqtol 8

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=JtTVrmcCufs]

Tmien persuni huma konfermati mejta u 15 midruba serjament wara li raġel saq vann għal fuq in-nies fi New York.
L-inċident seħħ ftit qabel id-9pm. Skont il-midja internazzjonali r-raġel ta' 29 sena saq għal fuq ċiklisti li kienu qed isuqu fuq karreġġjata tar-roti qabel ma ħareġ mill-vann.
Għalkemm diversi rapporti qalu li r-raġel kien armat, l-awtoritajiet ikkonfermaw li dan kellu armi foloz u li t-tiri li nstemgħu kienu tal-Pulizija li ssejħu immedjatament fuq il-post wara li rċevew rapporti ta' emerġenza.
Skont l-awtoritajiet Amerikani sitt persuni kienu ċertifikati mejta fuq il-post minn uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li tnejn oħra mietu ftit wara l-isptar.
Xhud li kien fuq il-post x'ħin seħħ l-attakk qal li ra vann abjad isuq għal fuq iċ-ċiklisti b'veloċità qawwija viċin waħda mill-aktar skejjel frekwentata fl-akwati qabel ma baqa' dieħel f'xarabank tal-iskola li dak il-ħin kien hemm in-nies fiha.
Hu żied jgħid li ftit wara semgħa wkoll madwar 10 tiri jiġu sparati.
Riżultat tal-impatt max-xarabank weġġgħu żewġ adulti u żewġt itfal li kienu abbord.
L-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex jevita l-akwati ta’ Chambers Street u West Street fi New York.
Fuq Twitter l-Uffiċċju tas-Sindku ta' New York kiteb li s-Sindku u l-Gvernatur ta' New York marru fuq il-post wara l-inċident.
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kien infurmat b'dan l-attakk ftit minuti wara, fejn kien konfermat li qed jitqies bħala attakk terroristiku.