Attakk New York: Is-suspettat iwissi lil Donald Trump

Iż-żagħżugħ li qed jaffaċċja akkużi ta’ terroriżmu, wara l-isplużjoni fi stazzjon tat-trasport pubbliku fi New York, wissa lill-President Amerikan ftit qabel l-attakk.
Fuq il-midja soċjali tiegħu, Akayed Ullah qal lil Donald Trump li hu falla milli jipproteġi n-nazzjon.
Din il-post intużat mill-prosekuturi hekk kif ilbieraħ, Uillah li għandu 27 sena mill-Bangladexx tressaq il-Qorti.
Ilbieraħ, rapporti qalu li Ullah wettaq l-attakk bi tpattija għall-attakki tal-Istati Uniti fuq l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, l-ISIS, fis-Sirja.
Hu rrappurtat li r-raġel semma wkoll l-attakki riċentissimi tal-Iżrael fuq il-Palestinjani li kienu qed jipprotestaw wara li l-President Amerikan, Donald Trump, irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Fil-Qorti ntqal ukoll li Ullah kien ispirat mill-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu fl-Istat Iżlamiku.
Huwa kien wieħed mill-erba’ persuni li weġġgħu fl-attakk.
Ullah qed ikun akkużat li sploda bomba, li kienet imdawra miegħu, f’passaġġ taħt l-istazzjon ta’ Manhattan, viċin Times Square.
Qed ikun akkużat ukoll li pprova materjal biex jgħin organizzazzjoni terroristika internazzjonali u anke li uża bomba li setgħet weġġgħet ħafna nies u għamlet ħsara akbar.