“Attakk kontra d-demokrazija” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddeskriva bħala attakk kontra d-demokrazija, il-kwerela mressqa miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestigah.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, Dr Busuttil kien qed jitkellem dwar it-talba ta’ Schembri biex hu jiġi investigat fuq kalunji, rapport falz lill-awtoritajiet u ġurament falz li għadda lill-Qorti, meta ppreżenta rikorsi kontrih fil-Qorti.
Dr Busuttil qal li minflok li l-Pulizija tinvestiga lil Keith Schembri fuq korruzzjoni, se tinvestiga lilu talli kixef u ġġieled il-korruzzjoni.
Saħaq li din hija prova oħra ċarissima li l-istituzzjonijiet inħatfu mill-Gvern u qegħdin jintużaw b’abbuż kbir tal-poter, biex ma ssirx il-ġustizzja.
Fakkar li Schembri diġà jinsab investigat minn tliet Maġistrati differenti fuq talbiet tiegħu, li fi kliemu huma sostanzjati b’fatti u bi provi.
Dr Busuttil qal li din hija l-ewwel darba f’Malta li Kap tal-Oppożizzjoni se jittella’ l-Qorti fuq talba tal-Gvern stess.
Saħaq li din mhix sempliċi kwerela kontra individwu imma hija attakk kontra d-demokrazija, “intiża biex issa li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u għalaq ħalq ħafna nies, qed jipprova jagħlaq ukoll ħalq l-Oppożizzjoni”.
Tenna li huwa ċar li l-Gvern qed jabbuża mill-poter li għandu billi juża l-istituzzjonijiet pubbliċi, bħall-Korp tal-Pulizija biex jagħlaq ħalq lil kull min jiqaflu.
Simon Busuttil żied jgħid li l-Korp tal-Pulizija diġà qed jintuża biex ma jittiħdux passi kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi u issa se jużaw il-Korp biex jippruvaw ikissru lil min jiġġieled il-korruzzjoni.
Huwa qal li mhux se jibża’ mill-attakk ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri u mhux se jagħlaq ħalqu.
Simon Busuttil jaħseb li jista’ jgħid li jrid u ma jweġibx għal għemilu” – PL
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil jaħseb li jista’ jgħid dak li jrid u jigdeb fuq kulħadd u jippretendi li ma jweġibx għal għemilu.
Fi stqarrija l-PL qal li kull ċittadin f’kull pajjiż demokratiku għandu d-dritt li jfittex li jieħu l-passi biex ma jħallix lil min jivvinta fuqu.
Temm jgħid li Simon Busuttil daqq l-istess diska li waslet biex jitlef telfa elettorali li qatt sofra l-Partit Nazzjonalista.