Attakk fuq proprjeta tal-Knisja fil-Kongo

Proprjeta tal-Knisja Kattolika kienet attakkata u vandalizzata wara li l-Konferenza Episkopali tal-kongo waqqfet  il-ħidma ta’ medjazzjoni li kienet qed tagħmel bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni wara li l-Gvern ma żammx kellmtu fuq numru ta’ assigurazzjonijiet li kien ta biex ikun hemm progress f’dawn it-taħditiet.
Sadattant  l-Isqof ta’ Uvire – reġjun fil-Lvant tal-pajjiż – wissa’ li hemm stat ta’ insigurta permanenti fil-provinċja ta’ Kasai filwaqt li n-Nazzjonijiet Uniti ħabbret li nstabu 13-il qabar ieħor tal-massa li fihom indIfnu mijiet ta’ persuni flimkien mal-għaxar oqbra oħra li nstabu aktar kmieni din is-sena.
 Hu stmat li madwar 400 persuna inqatlu minn Awwissu ‘l hawn meta beda l-ġlied wara li forzi tal-Gvern qatlu lil Jean Pierre Mpandi li kien beda rewwixta kontra l-Gvern tal-President Joseph Kabila.
Ix-xahar li għadda żewġ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti li ntbagħtu fil-Kongo biex jinvestigaw rapport ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, kienu nħatfu u wara nstabu maqtula.
F’dawn il-jiem, fil-provinċja ta’ Kasai kien hemm mewġa ta’ attakki fuq proprjeta’ tal-knisja kattolika. Fil-31 ta’ Marzu inħarqet id-dar tal-Isqof fil-belt ta’ Luebo kif ukoll l-uffiċċju tal-iskejjel Kattoliċi u d-dar tan-novizzi. Il-Kattidral dedikat lil San Ġwann kien desakrat u wara kien attakkat is-seminarju f’Lunkelu.
Kien hemm saċerdoti li kellhom jaħarbu lejn il-foresta u jekk jirritornaw ikunu fil-periklu li jinqatlu. Sar attakk iehor fuq il-parroċċa ta’ Paida fejn kienu torturati tliet saċerdoti kattoliċi.
Il-Papa Franġisku ikkundanna l-vjolenza fil-kongo.  Waqt l-Angelus tal-Ħadd li għadda, il-Papa qal li kienu qed jaslulu aħbarijiet dwar ġlied fil-provinċja ta’ Kasai li wassal għal imwiet, ferimenti u nies kellhom jaħarbu minn djarhom barra li kienet attakkata proprjeta’ tal-knisja.