Attakk Finlandja: l-aggressur kellu fil-mira tiegħu nisa biss

Il-Marokkin li lbiraħtlula allegatament ħebb għal persuni f’suq ċentrali f’Turku, il-Finlandja, kellu f’moħħu li jattakka u joqtol speċifikament nisa biss.
Is-suspettat, li għandu 18-il sena u aktarx b’rabtiet mat-terroriżmu, kien qed ifittex l-ażil, spiċċa qatel żewġ nisa u darab 8 oħra, sitta minnhom nisa.
Dan kien l-ewwel attakk b’rabtiet possibilment terroristiċi fil-Finlandja.
L-aggressur, li wasal il-Finlandja s-sena l-oħra, ipprova jaħrab iżda l-Pulizija waqqfitu billi sparat u darbitu f’siequ.
B’rabta mal-każ ġew arrestati 4 Marokkini oħra, qalet il-Pulizija, u nħareġ mandat t’arrest internazzjonali fuq is-sitt Marokkin.
Il-midja Finlandiża rrappurtat li l-allegat aggressur ma kienx ingħata l-ażil fil-Finlandja, u allura dan seta’ kellu effett fuq l-aġir tiegħu, iżda l-Pulizija qalet li dan kien parti minn proċess itwal li normalment kull immigrant jgħaddi minnu għall-ażil fil-Finlandja.
L-awtoritajiet qed jinvestigaw dan l-attakk kellux x’jaqsam ma’ dak f’Barċellona l-Ħamis li għadda, u kkonfermaw li l-profil tal-allegat aggressur jixiebah ma’ profili oħra ta’ persuni Iżlamisti li wettqu attakki simili fl-Ewropa.